Illejla inġeddu dak li bdew Missierijietna fl-1879: San Duminku il-ġgant jitella' bil-briju f'nofs il-Pjazza tal-Birgu
Festa Birgu News Lura

Illejla inġeddu dak li bdew Missierijietna fl-1879: San Duminku il-ġgant jitella' bil-briju f'nofs il-Pjazza tal-Birgu


Illejla, il-Birgu jerġa’ jgħix mument li għandu għeruq fondi fl-istorja tal-festa Dumnikana u li, maż-żmien, sar parti integrali mit-tradizzjoni tal-festi Maltin u Għawdxin. Fit-tieni jum tat-Tridu, se nerġgħu naraw l-istatwa ta’ San Duminku, magħrufa bħala “il-Ġgant”, tinġarr fuq l-ispallejn fost il-briju tal-folla u tittella’ fuq il-kolonna f’nofs il-Pjazza tal-Birgu.



Din id-drawwa tmur lura għall-1879, sena li tibqa’ mnaqqxa fl-istorja tal-festi tagħna. Kien f’dik is-sena li, għall-ewwel darba f’Malta, saret dimostrazzjoni bi statwa waqt marċ, biex wara l-istatwa tittella’ fuq kolonna. Dak li beda fil-Birgu tant intgħoġob li, fis-snin ta’ wara, ġie adottat f’ħafna festi oħra madwar Malta u Għawdex.

L-istoriku Vittoriosan Anton Attard jiddeskrivi b’mod mill-isbaħ kif din id-drawwa twieldet u kibret fil-festa Dumnikana:

“Din il-festa ntrabtu magħha, sa mill-ewwel snin tagħha, xi manifestazzjonijiet u drawwiet partikulari li, f’dak iż-żmien, sa fejn hu magħruf, ma kinux jeżistu f’festi oħrajn u b’hekk nistgħu ngħidu li kienu esklussivament tagħha. Dak li kien qed iseħħ fil-festa Dumnikana fil-Birgu, tant intgħoġob li, wara xi snin, ikkupjawh bnadi oħra.”

U fost dawn il-manifestazzjonijiet, l-aktar waħda magħrufa kienet proprju t-tlugħ tal-istatwa fuq il-kolonna. Sa mill-1880, din saret waħda mill-aktar manifestazzjonijiet importanti tal-festa esterna. L-istatwa ta’ San Duminku, xogħol sabiħ tal-istatwarju Giovanni Darmanin, kienet tinġarr minn ħdejn il-kunvent akkumpanjata minn banda ddoqq marċi brijużi, fost il-ħruq tal-murtali, il-mixegħla tal-gassijiet u t-tfigħ tas-sunetti u l-fjuri, sakemm tasal fil-Pjazza biex tittella’ fuq il-kolonna.

L-istatwa ta’ Darmanin kienet saret magħrufa bħala “il-Colosso”, jew kif baqgħet tissejjaħ fil-qalb tal-poplu, “il-Ġgant”. Għal snin twal, il-preżenza tagħha fuq il-kolonna kienet waħda mill-aktar xeni spettakolari tal-festa Dumnikana. Kienet xena li kienet tgħaqqad l-arti, id-devozzjoni, il-mużika u l-briju f’mument wieħed li għalih il-Pjazza kienet timtela’ bin-nies.

Sfortunatament, din l-istatwa ta’ importanza kbira intilfet matul it-Tieni Gwerra Dinjija, meta ġġarraf il-kunvent. Bit-telfa tagħha ma ntilfitx biss oprа artistika prezzjuża, iżda ntilfet ukoll xhieda importanti tal-istorja tal-Birgu u tal-iżvilupp ta’ tradizzjoni li kellha tinfirex ma’ ħafna mill-festi tal-gżejjer tagħna.

Iżda l-ispirtu Dumnikan fil-Birgu ma mietx mal-gwerra.

Ftit wara li ntemmet il-gwerra, minkejja t-telfa tal-knisja, tal-kunvent u ta’ ħafna mill-armar tat-toroq, grupp ta’ ammiraturi dedikati u determinati beda bil-mod jerġa’ jqajjem il-festa esterna. Flimkien ma’ dan il-qawmien reġgħet nibtet ix-xewqa li San Duminku jerġa’ jkollu statwa li, bħal dik ta’ qabel il-gwerra, setgħet tinġarr bil-briju u tittella’ fuq kolonna fl-aħħar jum tat-Tridu.

Din ix-xewqa ssaħħet meta sar magħruf li l-forma tal-istatwa antika ta’ Darmanin kienet għaddiet għand l-istatwarju Karmenu Mallia, magħruf bħala l-Lhudi. Fuq inizjattiva personali ta’ Patist Costantino, fl-1950 l-istatwa l-ġdida kienet lesta. Madankollu, għal diversi raġunijiet, fosthom nuqqas ta’ qbil mal-Patrijiet, kellhom jgħaddu xi snin oħra qabel ma setgħet tintlaħaq il-ħolma li għaliha kienet saret.



Kien fl-1957 li l-istatwa reġgħet ittellgħet fuq kolonna ġdida, xogħol l-imgħallem Bormliż magħruf bħala is-Sillar. It-tlugħ tagħha għall-ewwel darba wara l-gwerra qanqal entużjażmu kbir. Il-briju kien imqanqal mill-marċi tal-Banda Prince of Wales Own, u l-istatwa ttellgħet fuq is-Sur tal-Kurdari, taħt it-Torri ta’ San Ġakbu, u mhux fil-Pjazza bħalma kien isir qabel il-gwerra.

Hekk baqa’ jsir għal tliet snin. Mill-festa tal-1960, it-tlugħ tal-istatwa beda jsir quddiem il-każin tas-Soċjetà Prince of Wales, fi Triq il-Mina l-Kbira.

Imbagħad, fl-1991, seħħ pass ieħor importanti fl-istorja ta’ din it-tradizzjoni. Dik is-sena saret statwa ġdida ta’ San Duminku, xogħol sabiħ fil-kartapesta tal-istatwarju Michael Camilleri Cauchi, biex tibda tittella’ quddiem il-każin minflok l-istatwa li kienet ilha tintuża. B’hekk, l-istatwa ta’ Karmenu Mallia sabet postha mill-ġdid fil-Pjazza, għalkemm dak iż-żmien it-tlugħ tagħha ma kienx għadu jsir bil-briju.

U llum, il-Ħamis 27 ta’ Awwissu 2026, se ngħixu kapitlu ġdid f’din l-istorja. Propju fit-tieni jum tat-Tridu, wara tant snin, se nerġgħu naraw din l-istatwa storika tinġarr fuq l-ispallejn u tittella’ b’mod brijuż fuq il-kolonna f’nofs il-Pjazza tal-Birgu.

Mhux sempliċiment statwa se tkun qed titla’ llejla. Se jkun qed jerġa’ jitla’ memorja. Se tkun qed terġa’ tgħix tradizzjoni li twieldet fil-Birgu fl-1879. Se jkun qed jingħata ġieħ lil dawk li bdewha, lil dawk li żammewha ħajja wara l-gwerra, u lil dawk kollha li tul is-snin ħadmu biex il-festa Dumnikana tibqa’ ħajja u tħalli l-marka tagħha fuq il-kultura festiva Maltija.

Meta “il-Ġgant” jerġa’ jitla’ fuq il-kolonna, il-Pjazza tal-Birgu mhux biss se tkun qed tara spettaklu ta’ festa. Se tkun qed tara l-istorja terġa’ tieħu l-ħajja quddiem għajnejna.

Il-Ġgant jerġa’ jitla’. U miegħu jerġgħu jitilgħu l-memorji, it-tradizzjoni u l-għożża ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Vittorjosani.

Viva San Duminku!
Share:WhatsApp

Aħbarijiet oħra