Il-bieraħ filgħaxija, waqt kunċert li ttella’ fil-Knisja tal-Lunzjata u San Duminku fil-Birgu, saret l-inawgurazzjoni uffiċjali tar-restawr li sar fuq il-Bankun u l-Bradella tal-Vara ta’ San Duminku, xogħol ta’ konservazzjoni u restawr li twettaq minn Atelier Del Restauro Ltd.

Matul l-attività, is-Sinjura Valentina Lupo tat spjega dettaljata dwar il-proċess kollu li wassal għar-restawr ta’ dawn iż-żewġ opri ta’ valur artistiku u storiku. Hija spjegat kif saru xogħlijiet ta’ tindif, tiswija u protezzjoni bil-għan li jiġu kkonservati l-elementi oriġinali tagħhom u jiġi żgurat li jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Is-Sinjura Lupo enfasizzat li din hija biċċa xogħol ta’ arti ta’ livell għoli, li fiha jispikkaw materjali u tekniki ta’ valur kbir. Fosthom hemm l-użu ta’ injam rari ħafna, fosthom dak tal-lanġas, kif ukoll it-tekniki professjonali u delikati użati fit-tinqix u fl-inċiżjonijiet tal-erba’ qaddisin fuq il-Bankun.
Dwar il-ħidma tal-artist Giuseppe Decelis, Valentina Lupo qalet:
“Decelis ma użax l-injam sempliċement bħala materjal strutturali, iżda bħala mezz ta’ espressjoni artistika. Permezz tat-tinqix, l-interzzjar u d-dettall fin, huwa ħoloq kompożizzjoni rikka li tgħaqqad flimkien is-solidità, l-eleganza u l-armonija. Il-bankun huwa mżejjen ukoll b’sittax-il anġlu tal-bronż, li jkomplu jarrikkixxu l-karattru monumentali u ċerimonjali tiegħu.
Decelis kien jagħraf u japprezza l-kontribut tal-artiġjani li ħadmu miegħu. Fost dawn insibu lil Salvu Merilli, Ġużeppi Drago, Ġużeppi Agius, Salvu Scicluna, Fonzu Merilli, Mikiel Portelli u Lorenzo Vella. Kienet din il-kollaborazzjoni bejn id-disinjatur u l-imgħallmin tas-sengħa li għamlitha possibbli li d-disinn jinbidel f’opra tridimensjonali daqshekk elaborata.”
Il-Bradella tal-Vara, li saret fuq disinn tal-artist Vittoriosan Giuseppe Decelis, għalhekk tirrappreżenta eżempju mill-aqwa tal-kollaborazzjoni bejn l-artist u l-artiġjani tas-sengħa. Il-kumplessità tad-disinn, flimkien mal-għażla tal-materjali u d-dettall fit-tinqix, jagħmlu minn din l-opra parti importanti mill-wirt artistiku u reliġjuż tal-Birgu.

Ir-restawr wettaq ukoll xogħol importanti ta’ konservazzjoni, fejn l-interventi kienu mmirati lejn it-tindif, it-tiswija u l-protezzjoni tal-opri, filwaqt li ġie rispettat kemm jista’ jkun il-karattru u l-materjal oriġinali tagħhom.
L-inawgurazzjoni, li saret fil-kuntest tal-kunċert fil-Knisja tal-Lunzjata u San Duminku, kienet għalhekk mument sinifikanti għall-komunità Dumnikana tal-Birgu. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ restawr, ġie ppreservat patrimonju ta’ valur kbir li jgħaqqad flimkien il-fidi, l-istorja, l-arti u t-tradizzjoni tal-komunità.
Il-Bankun u l-Bradella tal-Vara ta’ San Duminku issa jistgħu jkomplu jiġu apprezzati bħala xhieda tal-livell għoli ta’ arti u sengħa li żviluppa tul is-snin fil-gżejjer Maltin, u bħala parti integrali mill-wirt reliġjuż u kulturali tal-Birgu.
Share:WhatsApp




