Inawgurazzjoni tar-restawr tal-Bankun, il-Bradella u l-pittura tal-Madonna tar-Rużarju fil-Birgu
Festa Birgu News Lura

Inawgurazzjoni tar-restawr tal-Bankun, il-Bradella u l-pittura tal-Madonna tar-Rużarju fil-Birgu

Illum, il-Ħadd 23 ta’ Awwissu, fis-7:30pm, fil-Knisja tal-Lunzjata u San Duminku fil-Birgu ser isir kunċert speċjali fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tar-restawr li sar fuq il-Bankun u l-Bradella tal-Vara ta’ Missierna San Duminku tal-Birgu.

Dan il-proġett ta’ restawr, li jikkontribwixxi biex tiġi ppreservata parti importanti mill-wirt artistiku u reliġjuż tal-Birgu, jinkludi xogħol artistiku attribwit lill-artist Vittorjosan Giuseppe De Celis. Ir-restawr sar mill-kumpanija Atelier Del Restauro, taħt id-direzzjoni ta’ Valentina Lupo, b’attenzjoni għall-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-valur storiku u artistiku ta’ dawn l-elementi marbuta mal-festa u mad-devozzjoni lejn San Duminku u l-Madonna tar-Rużarju. 
Pittura tal-Madonna tar-Rużarju ta' Emvin Cremona
Pittura tal-Madonna tar-Rużarju ta' Emvin Cremona


Il-kunċert tal-lejla ser ikun ukoll okkażjoni biex il-pubbliku japprezza r-riżultat ta’ dan ix-xogħol ta’ konservazzjoni, li permezz tiegħu qed jerġa’ jingħata l-ġieħ mistħoqq lil patrimonju li ilu għal snin parti integrali mill-ħajja tal-komunità Dumnikana tal-Birgu.

Fi tmiem il-kunċert ser issir ukoll l-inawgurazzjoni tar-restawr tal-pittura tal-Madonna tar-Rużarju, xogħol tal-artist Malti magħruf Emvin Cremona. Din il-pittura, li tifforma parti mill-wirt artistiku tal-knisja, issa ngħatat ħajja ġdida permezz ta’ intervent professjonali ta’ restawr.

Dan kollu sar possibbli wkoll bis-saħħa tal-għajnuna finanzjarja tal-Fondazzjoni Kottonera u tal-Kunsill Malti għall-Arti, li permezz tal-appoġġ tagħhom qed jikkontribwixxu direttament għall-konservazzjoni u t-tisħiħ tal-wirt artistiku u kulturali tal-Birgu.

L-inawgurazzjoni tal-lejla għalhekk mhijiex biss ċelebrazzjoni ta’ xogħol ta’ restawr li tlesta, iżda wkoll xhieda tal-importanza li nħarsu u nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri wirt li jirrakkonta l-istorja, il-fidi, l-arti u t-tradizzjonijiet tal-komunità tagħna.

Birgu News jistieden lil dawk kollha interessati biex jattendu għal din l-okkażjoni speċjali li tgħaqqad il-mużika, l-arti, il-fidi u l-wirt storiku tal-Birgu.
Share:WhatsApp

Aħbarijiet oħra