Nhar il-Ħadd 30 ta’ Awwissu, wara l-Pontifikal Solenni tal-Festa ta’ Missierna San Duminku, saret l-inawgurazzjoni tal-kwadru ġdid tal-artal iddedikat lil San Ġużepp fil-Knisja tal-Lunzjata u San Duminku, ġewwa l-Birgu.
Il-kwadru huwa xogħol l-artist Għawdxi Manuel Farrugia u juri lil San Ġużepp fil-mument solenni tal-mewt tiegħu, imdawwar mill-Verġni Marija u minn Sidna Ġesù Kristu. Xena ta’ devozzjoni u ġmiel artistiku li tesprimi b’mod qawwi l-aħħar mumenti tal-ħajja tal-Patrijarka San Ġużepp, fil-preżenza tal-aktar żewġ persuni għeżież għalih.
L-opra l-ġdida żżid ma’ wirt artistiku u devozzjonali tal-Knisja tal-Lunzjata u San Duminku, u tikkontribwixxi biex l-artal ta’ San Ġużepp ikompli jkun post ta’ talb u devozzjoni għall-fidili li jżuru din il-knisja storika tal-Birgu.
L-inawgurazzjoni uffiċjali saret mill-E.T. Mons. Isqof Carmelo Zammit u l-Provinċjal P. Vince Micallef OP, flimkien mas-Sindku tal-Birgu, is-Sur John Boxall, u l-Pirjol tal-Knisja, P. Aaron Zahra OP.
Din l-okkażjoni, li saret fil-qafas tal-festa ta’ Missierna San Duminku, kienet waħda sinifikanti għall-komunità tal-Birgu u għall-komunità Dumnikana, hekk kif permezz ta’ din l-opra ġdida qed ikompli jiġi arrikkit il-patrimonju artistiku u reliġjuż tal-Knisja tal-Lunzjata u San Duminku.
Il-kwadru ta’ San Ġużepp jibqa’ xhieda tal-fidi, tad-devozzjoni u tat-tradizzjoni artistika li għal sekli sħaħ sawru l-identità reliġjuża u kulturali tal-Birgu.
Share:WhatsApp




