Il-Kwadru tal-Madonna tar-Rużarju ta' Emvin Cremona lura fil-Knisja tad-Dumnikani wara r-restawr li sar fuqu
Festa Birgu News Lura

Il-Kwadru tal-Madonna tar-Rużarju ta' Emvin Cremona lura fil-Knisja tad-Dumnikani wara r-restawr li sar fuqu

Il-bieraħ, waqt kunċert li sar fil-knisja tal-Lunzjata u San Duminku fil-Birgu, ġie inawgurat uffiċjalment ir-restawr tal-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju, xogħol tal-artist Malti Emvin Cremona.
Il-Provinċjal P. Vince Micallef OP u l-Pirjol P. Aaron Zahra OP flimkien mas-Sinjura Valentina Lupo u t-tifla ta' Emvin Cremona.
Il-Provinċjal P. Vince Micallef OP u l-Pirjol P. Aaron Zahra OP flimkien mas-Sinjura Valentina Lupo u t-tifla ta' Emvin Cremona.



Dan il-kwadru, li jmur lura għall-1960, kien sar biex isebbaħ il-kappella tal-Madonna tar-Rużarju fil-knisja l-ġdida tad-Dumnikani, li nbniet mill-ġdid wara l-qerda tal-gwerra. Il-kwadru kien fost l-ewwel xogħlijiet li twaħħlu fil-knisja l-ġdida u għal aktar minn sitt deċennji baqa’ jagħmel parti mill-wirt artistiku u devozzjonali  ta' din il-knisja.

Ix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr sar minn Atelier Del Restauro Ltd., taħt id-direzzjoni tas-Sinjura Valentina Lupo, li spjegat kif l-intervent kellu bħala għan ewlieni li jerġa’ joħroġ fid-dieher il-kwalitajiet oriġinali tal-opra filwaqt li jiġu rispettati u ppreservati l-materjali u t-teknika tal-artist.

“L-aktar fażi delikata kienet it-tindif,” qalet is-Sinjura Lupo. “Kellu jitneħħa n-nugrufun, it-trab, il-ħmieġ, it-tikek tal-insetti u l-qtar tax-xama’, filwaqt li jiġu ppreservati s-saffi oriġinali tal-kulur u l-marki fini tal-pinzell ta’ Cremona.”

Matul dan il-proċess tneħħa wkoll saff ta’ verniċ li kien sfar maż-żmien u kien biddel id-dehra tal-kwadru u naqqas mill-qawwa tal-kuluri oriġinali. Wara t-tindif, reġgħet ħarġet il-varjetà u l-intensità tal-kulur, b’kuntrasti aktar ċari bejn il-blu, il-vjola, l-aħmar u d-deheb. Ġew ukoll mikxufa mill-ġdid l-effetti fini tat-tikek u tar-raġġi tad-dawl li qabel kienu moħbija taħt is-saffi ta’ ħmieġ u akkumulazzjonijiet skuri.

Fejn kien meħtieġ, is-saff tal-pittura ġie kkonsolidat. Fl-aħħar tal-intervent ġie applikat coating protettiv b’karatteristiċi ottiċi adegwati u b’filtru kontra r-raġġi ultravjola, biex jgħin fil-protezzjoni tal-wiċċ u fl-istabbiltà tal-kuluri.

Skont is-Sinjura Lupo, il-proġett mhux biss irkupra l-leġibbiltà u l-bilanċ kromatiku tal-opra, iżda reġa’ kixef il-kwalitajiet artistiċi li jagħmlu lil Cremona wieħed mill-aktar artisti Maltin importanti tas-seklu għoxrin.

L-inawgurazzjoni saret mill-W.R. Provinċjal P. Vince Micallef OP u mill-W.R. Pirjol P. Aaron Zahra OP, fil-preżenza ta’ dawk li attendew għall-kunċert u ta’ persuni li taw il-kontribut tagħhom biex dan il-proġett ta’ konservazzjoni seta’ jitwettaq. Fosthom it-tifla tal-istess Emvin Cremona. 

Ir-restawr ta’ dan il-kwadru huwa pass importanti fil-ħarsien tal-wirt artistiku u reliġjuż tal-knisja tad-Dumnikani fil-Birgu. Permezz ta’ dan l-intervent, opra li ilha marbuta mal-istorja tal-knisja l-ġdida ta’ wara l-gwerra reġgħet kisbet il-ġmiel u l-qawwa artistika tagħha, u tista’ tkompli titgawda mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Il-proġett ġie ffinanzjat mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Share:WhatsApp

Aħbarijiet oħra