Velja fil-Birgu għall-Jum Dinji tat-Talba tar-Rużarju
Festa Birgu News Lura

Velja fil-Birgu għall-Jum Dinji tat-Talba tar-Rużarju

Illum, l-Erbgħa 7 ta’ Ottubru, fil-Festa Liturġika tal-Verġni Marija tar-Rużarju, fil-Birgu se jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tat-Talba tar-Rużarju.

Għal din l-okkażjoni se ssir velja ta’ talb Marjana fuq iz-zuntier quddiem il-Knisja tal-Lunzjata u San Duminku.

Iċ-ċelebrazzjoni tibda b’Quddiesa fis-6.15 p.m., segwita minn velja Marjana li matulha dawk preżenti jingħaqdu flimkien fit-talb tar-Rużarju Mqaddes.
Il-Birgu għandu rabta storika qawwija mad-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju. Kien proprju fil-Knisja tad-Dumnikani fil-Birgu li twaqqfet l-ewwel Fratellanza tar-Rużarju Mqaddes f’Malta, ftit wara l-Battalja ta’ Lepanto tal-1571.

Kien il-Papa Dumnikan San Piju V li ħeġġeġ it-twaqqif tal-Fratellanzi tar-Rużarju. Ma’ din id-devozzjoni hija marbuta wkoll il-festa tal-Madonna tar-Rużarju, li tiġi ċċelebrata kull sena fis-7 ta’ Ottubru.

Għaldaqstant, iċ-ċelebrazzjoni tal-lum fil-Birgu għandha tifsira partikulari, hekk kif tkompli tradizzjoni ta’ sekli ta’ talb u devozzjoni Marjana, marbuta mill-qrib mal-preżenza u l-ħidma tad-Dumnikani f’Malta.

Id-devoti tal-Madonna u l-pubbliku huma mistiedna jattendu u jingħaqdu f’dan il-mument ta’ talb u devozzjoni lejn il-Verġni Marija tar-Rużarju.
Share:WhatsApp

Aħbarijiet oħra